TITLE

Ma Kienx Coronavirus!

AUTHOR

Lucas Caruana

 
Name: Cyprian Dalli
Age:   45
Title:  Mazz Fjuri

Kienet ilha tistennieh dak il-jum. Wara aktar minn sitt xhur ġewwa, fl-aħħar setgħet terġa’ toħroġ u tħoss ir-riħ iberflilha xagħarha u x-xemx taħraq fuq wiċċha. Dak iż-żmien ta’ kwarantina u dak kollu li kien ġab miegħu kien kiddha wisq. Għalhekk, illum, l-ewwel jum li fih setgħet toħroġ mid-dar wara dak iż-żmien kollu, kienet qed tħoss l-istess tferfir fl-istonku tagħha bħal meta kienet għadha żgħira u kienet se tiltaqa’ ma’ ġuvni l-ewwel darba. Jew bħal dawk it-30 sekonda li kienet għamlet
tiċċassa lejn it-test tat-tqala 8 snin qabel, meta dik l-unika kreatura li qatt ħabbet tabilħaqq f’ħajjitha kienet bdiet tifforma ġo fiha: binha Ryan! 

Illum dak it-tferfir li kienet qed tħoss kien xi ftit differenti. Dak il-mument xtaqitu, u ħolmitu, u riditu. Dik l-avventura tagħha ma kinitx se tkun kompluta qabel ma twettaq il-pjan tagħha llum. Riedet biss li tkun ħdejh, għax issa li kien inbidel kollox riedet li bħal donnu ma kien inbidel xejn. Għalhekk qamet kmieni, lestiet kull ħaġa li kellha tieħu magħha, għamlet xagħarha u l-mejkapp. Inksiet bil-fwieħa li hu darba kien kkummentalha li kienet tfuħ ħafna, u wara li rat li kellha kollox lest, ġibdet nifs ’il ġewwa u ċemplet lil tat-taksi biex jiġi għaliha. Ma damx ma wasal, u hi daħlet ġewwa fuq is-sit ta’ wara filwaqt li tat karta ċkejkna bid-destinazzjoni li xtaqet imħarbxa fuqha. Ix-xufier għamlilha sinjal li fehem, filwaqt li ħares lura biex iħares lejha. U filwaqt li hi rabtet iċ-ċinturin, hu niżżel il-brejk u beda jsuq. 

 

Kellha ewforija ġo fiha. Bdiet tħoss dak is-sens ta’ meta tkun ersaqt qrib xi ħaġa li tant kont ilek tixtieq, imma fl-istess waqt kont tibża’ li tersaq iżżejjed qrib ma jmurx jgħib kollox jew bħal tirrealizza li kienet biss immaġinazzjoni tal-ħolm. Hekk ħassitha hi wkoll, filwaqt li x-xufier, hu u jsuq, serqilha kemm-il darba xi ftit sekondi jħares lejha minn ġol-mera tal-karozza. Moħħha jserraħ fuq il-ħġieġa, b’ħarsitha mitlufa fil-baħħ tat-toroq. Kultant kienet titbissem, u kultant kienet tipprova timsaħ xi demgħa li kienet ħarbitilha. Timsaħha bil-mod, ħalli ma tmurx iċċappas l-ajlajner u fl-istess ħin ma tħallix lix-xufier jinduna. 


Meta kienet waslet nofs triq, bħal donnu ftakret xi ħaġa, u, “driver!”, qaltlu biex tiġbidlu l-attenzjoni. Talbitu jwaqqaf f’dik il-pjazzetta li kienu għaddejjin minnha f’dak il-mument, u filwaqt li għamlitlu sinjal li ma kinitx ser iddum, ħarġet minnufih mill-karozza u baqgħet sejra dritt fuq toqba ta’ ħanut tal-fjuri li kien hemm imrassas bejn żewġ kafeteriji moderni. Ix-xufier raha ġejja lura b’mazz fjuri sabiħ, kollu kuluri u mgeżwer ġo karta kannella ċar b’qafla ħamra maqfula ċoff in-naħa t’isfel. Fetħet il-bieba, daħlet ġewwa, filwaqt li l-karozza mtliet bir-riħa tqila tal-fjuri li tħawdet mar-riħa tal-fwieħa tagħha. Għamlitlu sinjal b’rasha qisha qed tgħidlu “grazzi” u qisha qed tgħidlu “kompli suq”. U hu saq.


M’għaddewx 5 minuti li ma waslux fil-post fejn kienet talbitu jwassalha. Irringrazzjatu, ħallsitu, fetħet il-bieba u ħarġet. Ix-xufier sellmilha u telaq. U ħalliha hemm, waħedha. Bejnha u bejn ruħha ftakret kemm kienet ilha ma tkun barra, waħedha. Biss biss dawk is-6 xhur tal-kwarantina. Resqet bil-mod lejn il-kanċell. Waqfet fuq l-għatba, qalbha tħabbat sitta sitta u l-istonku tagħha jrid jitla’. F’id waħda dak il-bukkett, fl-id l-oħra xejn. Għamlet il-qalb, u daħlet ’il ġewwa u ndunat li ma kien hemm ħadd. Daħlet aktar ’il ġewwa u baqgħet sejra dritt fit-tielet filliera fuq il-lemin. Daret u fittxet in-numru 17. Sabitu, u malli sabitu, għajnejha marru dritt fuq ir-ritratt tiegħu. Ma setgħetx iżżomm aktar ġo fiha u ntelqet f’bikja ta’ qsim il-qalb li kienet ilha żżomm ġo fiha għal dawk l-aħħar 5 xhur. Kemm xtaqet tħaddnu magħha! Kemm xtaqet tarah, tbusu, tmellislu xagħaru u tgħidlu li tħobbu! Kienet ċerta li binha Ryan kien qed jismagħha. Kien ilu hemm, midfun ġo dak il-qabar, imbiegħed minnha, għal dawk l-aħħar ħames xhur. Ħames xhur li kienu qishom ħames snin minn mindu dak il-virus krudili kien seraqhulha minn ħdanha. Lanqas taf kif. Filli jilgħab, ikanta u jaqbeż, u filli ċċempel lit-tabib, li ċempel l-ambulanza li ħaditu l-isptar minn fejn ħareġ ġo tebut. U hi, lil dik l-unika kreatura li kienet qatt ħabbet tabilħaqq f’ ħajjitha, lanqas kellha ċans tgħannqu magħha waħda tal-aħħar. Lanqas setgħet tarah, u tmellislu xagħru tal-aħħar. F’ dak il-jum, ħames xhur ilu, lilu difnuh fil-qabar u lilha difnuha miegħu, għalkemm kellha tibqa’ msakkra ġo darha, waħedha, kwarantina. Mingħajr funeral, mingħajr ċerimonji, mingħajr fjuri. 


Imm’issa, illum, fl-aħħar, kienet hemm, ħdejn Ryan tagħha. Bil-fjuri f’idejha. Fl-aħħar seta’ jismagħha tibkih. Qamet, tefgħetlu bewsa, u daret biex titlaq bil-mod.

  • Instagram
  • Black Facebook Icon