TITLE

Ma Kienx Coronavirus!

AUTHOR

Lucas Caruana

 
Name: Johann Camilleri
Age:   24
Title:  L-Ghorfa Qalb l-Għelieqi

Għalkemm diġà għaddew ħmistax, għadni sal-lum nistaqsi lili nnifsi jekk kinitx biss ħolma jew realtà. Kieku kont waħdi kont ngħid li ħlomt jew immaġinajt. Imma waħdi ma kontx. Jien, Chris u Mario għadna sal-lum ma nistgħux nispjegaw eżattament x’ġara.

Daqs ħmistax ilu, jien u sħabi ddeċidejna li mmorru nqattgħu ġimgħa Għawdex, fl-appartament ta’ Chris, f’Marsalforn. Dan iż-żmien Għawdex, għal min bħalna jħobb iterraq il-kampanja Maltija, ikun ġenna tal-art! Nies mill-inqas u n-natura tkun fl-aqwa tagħha. It-temp inzertajnieh. Bnazzi b’xemx fietla u żiffa ħelwa li ma ddejqekx mal-mixi. Konna nippjanaw il-mixja minn ġurnata qabel u nagħżlu mogħdijiet li għalina kienu ġodda. Neħduha b’avventura u ġieli jkollna nixxabtu xi ftit jew niżżerżqu. Konna wasalna kważi fi tmiem l-avventura tagħna. Kien fadlilna jumejn u nerġgħu lura għar-rutina ta’ kuljum. Konna ilna l-isbaħ ħames sigħat mexjin fl-inħawi ta’ Wied il-Mielaħ. Ma konniex wisq bogħod minn Marsalforn. Ħin bla waqt Mario lewa saqajh fuq ġebla u għotor. Għalkemm ma kien jidher xejn gravi, intefħitlu sew. Qtajna l-mixja fil-qasir u minflok ma tlajna
lejn iż-Żebbuġ, bqajna mexjin fil-wita’, inwieżnu lil Mario, sakemm wasalna Marsalforn. 

Il-ġurnata kienet twila u peress li kien għadu l-ħin, inħsilna u nżilna sax-Xlendi bil-karozza. Kilna xi ħaġa minn hemm u qgħadna naraw ix-xemx nieżla. Meta tkun bejn il-ħbieb il-ħin itir. Lanqas nafu kif saru d-disgħa u nofs. Qbadna t-triq lura lejn Marsalforn. Chris xtaq jgħaddina minn trejqa qalb l-għelieqi, biex skontu neħduha bid-dawra. Kienet triq kemmxejn imwarrba, ftit mudlama u b’għelieqi
fuq kull naħa. F’daqqa waħda, il-karozza waqfet. Chris beda jipprova jerġa’ jistartjaha, imma ħoss ta’ xejn. Mario ma tantx seta’ jkun ta’ għajnuna għax saqajh kienet għadha tuġgħu. Għalhekk jien inżilt mill-karozza u ppruvajt nimbuttaha, waqt li Chris kompla jipprova jistartjaha. Imma għalxejn. Il-magna kienet mejta. Ftaħna l-bonnet u tajna titwila bid-dawl tat-torċ tal-mowbajl. Ma kien jidher li hemm xejn ħażin. Chris ħareġ il-mowbajl biex iċempel lil tat-towing, imma ma setax jaqbad. Ippruvajna jien u Mario, imma għalxejn. Inċemplu fejn inċemplu, idoqq tnejn u taqa’ l-linja.

Ftit ’il bogħod rajna bħal dawl ċkejken, donnu ġej minn xi razzett fil-qrib. Iddeċidejna li nimxu s’hemm biex nitolbu l-għajnuna. Kienet għorfa ċkejkna, maqtugħa minn kull bini ieħor. Ħabbatna bil-mod fuq il-bieb tal-injam. Smajna leħen kemmxejn maħnuq jistaqsi min, filwaqt li l-bieb tbexxaq u xiref rasu xwejjaħ. Fliena minn rasna sa saqajna, imbagħad fetaħ il-bieb u stedinna nidħlu ġewwa, fejn kien hemm ukoll mara mdaħħla fiż-żmien.

 

“Skużawna,” qalilna bi djalett Għawdxi, “il-ħin daħal sewwa u jien u marti ma konna qed nistennew lil ħadd. Bħalissa hawn fuq toqtol u tidfen. Noqogħdu b’seba’ għajnejn lil min niftħu.”


“Għandkom raġun, nann,” wieġeb Mario. “Waqfitlna l-karozza u l-mowbajls mhux qed jaħdmu sew. Xtaqna nużaw it-telefon tagħkom biex inċemplu lil tat- towing.”

Ix-xwejjaħ, li sirna nafu kien jismu Indri, qalilna li huma qatt ma riedu jdaħħlu t- telefon, għalhekk setgħux jgħinuna. Pero offrielna li nqattgħu l-lejl hemm.

“X’taħseb, Grezz?” staqsa lil martu.
“U mela,” kienet pronta wieġbet Grezz. M’aħniex sinjuri. Kull ma għandna huma daż-żewġt ikmamar. Pero l-kamra tat-tifel vojta u tistgħu tirranġaw kif tistgħu għal dan il-lejl. Gost nieħdu bikom, daqskemm ilu ma jkollna żjajjar.”

Ħarisna lejn xulxin u bla ma tkellimna bejnietna, qbilna li nilqgħu l-istedina ta’ Indri u Grezz. Għaddejna l-isbaħ siegħa npaċpċu max-xwejħin, għad-dawl tal-lampa tal-pitrolju. Grezz ħejjitilna l-kamra u qabel morna norqdu, Indri ried bilfors idewwaqna l-inbid li kien jagħmel hu stess. L-inbid ta’ Indri kien qisu duwa tal-Madalena. Qatt ma doqna nbid daqshekk tajjeb! Tgħidx kemm intefaħ Indri xħin faħħarnilu l-inbid tiegħu. Il-kamra li tawna ma kinitx wisq kbira, imma kienet tilqgħek. Għamara ftit li xejn u lanqas dawl ma kien hemm. Inqdejna b’lampa tal-pitrolju. Bilkemm għalaqna għajn m’għajn u filgħodu bakkarna hekk kif beda jbexbex. Grezz u Indri kienu diġà fuq saqajhom.

 

Grezz stednitna npoġġu bilqiegħda madwar il-mejda tal-ikel u sajritilna ftit kafè fl-istanjata. Ir-riħa
taqsam ta’ kafè jsir imliet kull rokna tal-għorfa. Xwitilna wkoll biċċtejn ħobż. Għalkemm kien għadu kmieni, dik il-kisra ħobż mixwija u l-iskutella tal-kafè niżlulna għasel. Irringrazzjajnihom mill-ġdid tal-ospitalità tagħhom u mxejna lejn fejn ħallejna l-karozza. Chris reġa’ ipprova jistarja u ħaġa tal-iskantament startjat minnufih.

Bqajna sejrin Marsalforn u l-għada, qabel tlaqna lejn il-vapur, għamilna xirja frott u soqna lejn l-għorfa ta’ Grezz u Indri. Xħin wasalna ħdejn l-għorfa bilkemm għarafniha. Kienet qisha żdingata, mhux kif rajniha l-lejl ta’ qabel. Ħabbatna fuq il-bieb aktar minn darba imma ma fetaħ ħadd. Għadda bidwi fuq karettun u xħin rana qed inħabbtu waqaf ħdejna.


“Oj, sieħbi,” qalilna, “hemm għalxejn qed tħabbtu. Dik l-għofra ilha mitluqa għal aktar minn ħamsin sena. Indri u Grezz inbarmu bil-għali ftit wara li għerqilhom it-tifel.”

  • Instagram
  • Black Facebook Icon