Name: Julia Abela
Age:   12
Title:  Is-sigriet tan-nanna Ġuża

Bagalja wieqfa ħdejha. L-aħħar ħaġa li kellha l-ħajra tagħmel kienet li tqatta’ l-vaganzi tas-sajf f’Wied ix-Xuxa għand in-nanna. F’dak il-wied ma kien hemm xejn x’tagħmel! Id-dar se taqa’ biċċiet u ċkejkna tan-nanna, sewwasew fix-xifer tal-wied, kien fiha riħa wisq qawwija ta’ kotba antiki, xtieli bla ħajja u mistoqsijiet bla tweġiba...

 

Wara dak iż-żmien kollu ma’ ommha li kienet rabbietha kif setgħet b’tant għaqal, Kristina kibret fi tfajla onesta u matura, u tant ieħor sensittiva. Wara li tilfet lil missierha, Mark, meta kien għad kellha biss sitt snin, ħajjitha nbidlet ta’ taħt fuq. Wara sentejn, bil-għajnuna t’ommha bdiet tirkupra, għalkemm parti kbira minnha baqgħet nieqsa.

 

In-nanna Ġuża, omm missier Kristina, kienet ħassitha wkoll it-telfa ta’ binha, għalhekk, Ġuża kienet tħossha fis-seba` sema meta tara lill-mimmi t’għajnejha, Kristina, għax fiha kienet tara lil binha. Spiss kienet ittenni li Kristina u Mark kienu fula maqsuma! U sewwa kienet tgħid għax bħal missierha, Kristina kellha xagħarha bjond u lixx, qisu purtiera, bid-differenza li kien jaslilha sa nofs daharha! Ġilda samranija, imnieħer ippuntat u għajnejha... eżatt ta’ missierha! Ħodor ikanġu fil-blu, donnhom żewġ żibeġ kbar iridu jaqbżu.

 

Kienet diġa` għaddiet ġimgħa mindu waslet għand nannitha. Għalkemm Kristina kienet tħobbha ħafna, xorta waħda ma xtaqitx tibqa’ maqfula hemm sajf sħiħ. Possibli nannitha kienet insiet li propju dakinhar kienet tagħlaq sittax-il sena!? Iżda hekk kif bdiet tiddubita, ħabta u sabta semgħet lil Ġuża ssejħilha! Kristina dlonk ittawlet fil-mera u f’leħħa ta’ berqa kienet isfel tgħannaq lin-nanna.

‘‘Dażgur li ma ninsiex li llum għeluq sninek! Hekk messni!’’ stagħġbet Ġuża. ‘‘Anzi llum ġurnata aktar importanti minn qatt qabel!’’ Kristina ma fehmitx x’riedet tfisser nannitha. Ġuża qaltilha tilbes malja. Kristina baqgħet b’ħalqha miftuħ. Min? In-nanna teħodha l-baħar???

 

Kristina ħasset id-dwejjaq jirkbuha meta waslu fuq irdum li jagħti għal fuq il-baħar. Stajt toqtol u tidfen. Il-baħar kien fond wisq! ‘‘Mur aqbeż! Illum se tiskopri xi ħaġa speċjali!’’ qaltilha n-nanna. Kienet bejn ħaltejn... qabżet... nannitha għal warajha! L-ilma kien frisk. Kristina ħassitha mkebba f’serenita`. F’daqqa waħda bdiet tħossha tinbidel...

 

Ħasbitha qed tiġġennen. Saqajha nbidlu f’denb roża jkanġi fl-oranġjo. ‘‘Le, le! Qed noħlom!’’ kienet ċerta Kristina. ‘‘Ma jistax ikun!’’ Min- nannitha ħareġ denb ieħor, aħdar daqs il-ħaxix u jleqq daqs id-deheb!

 

Madwarha rat ħames sireni oħra. Kollha kienet tafhom: iz-zijiet u l-kuġini nisa. Nannitha spjegat lil Kristina, konfuża għall-aħħar, kif kull mara tal-familja min-naħa ta’ missierha, la tagħlaq is-sittax-il sena ssir sirena hekk kif tmiss mal-baħar.

 

Xeni meraviljużi! Ilwien ta’ ħaxix u ħut! B’ħalqha miftuħ, irnexxielha tgħum mad-delfini! Fejn qatt kienet tobsor! Ħassitha f’dinja ġdida! Bdiet tħossha verament ferħana għall-ewwel darba fi snin!

 

Kristina kaxkret saqajha. Ma xtaqitx li jmorru lura! In-nanna wegħditha li jibqgħu jmorru flimkien, basta żżomm kollox sigriet. Kristina żammitha! Il-vaganzi tas-sajf taru u Kristina rritornat għand ommha b’geddumha sal-art! Mur għidilha li dak kien biss il-bidu tas-sigrieti li kellhom jiġu żvelati! Ara sewwa jgħidu biex ma tħallix l-apparenza tingannak, għax in-nanna kienet miżgħuda sorpriżi!!

  • Instagram
  • Black Facebook Icon