TITLE

Ma Kienx Coronavirus!

AUTHOR

Lucas Caruana

 
Name: Martina Micallef
Age:   18
Title:  Is-Siġra li Tgħħannaq

Sużanna kien ilha tisgħol bla waqfien dawn l-aħħar tlett ijiem. Mikiel kien ċert li jekk ma jsibilhiex kura malajr, kien se jitlef lil ommu għal din il-marda.       


“Ħa mmur nara nsibx xi mediċina, Ma,” qal Mikiel qabel ma ġera ‘l barra minn daru. Mikiel mexa sad-dar ta’ Silvano, li kien ħabib ta’ missieru qabel ma miet. Silvano kien jgħaddi s’għand Sużanna biex jgħamillha xi qadjiet meta jkollha bżonn.

“X’għandna, Mik?” staqsa Silvano xħin ra lit-tifel joqrob lejh. Mikiel għolla idu biex isellimlu.
“Għandi bżonn mediċina għal ommi,” wieġbu Mikiel b’ton serju, “Laqtitha l-marda tad-dierfa u ma fadallhiex żmien twil.”    


Silvano qarras wiċċu. Il-marda tad-dierfa kienet waħda mill-aktar mard kiefra li seta’ jaqbdek. Il-ġilda ssir miksija boċċi bojod qishom bżieżaq u tant tibda tisgħol u tobrox griżmejk, li lejn l-aħħar tispiċċa tifga f’demmek stess. Silvano xtaq jgħin lil Mikiel, li tant kien jixbah lil missieru, b’dak ix-xagħar kważi abjad kollu għoqiedi fuq rasu, dawk l-għajnejn griżi u kbar donnhom qed jaħbu xi misteru.

“Naf post,” qal fl-aħħar ir-raġel, “is-siġra-“  
“-li tgħannaq.” Mikiel kien sema’ bosta drabi dwar is-siġra li tgħannaq, iżda apparti l-isem kurjuż, ma kellux idea x’hemm speċjali dwar din is-siġra tant imsemmija fil-villaġġ ta’ Kosvrinn.
“Eżatt,” kompla Silvano, “Is-siġra li tgħannaq, jew kif jafuha n-nies li ġew f’kuntatt magħha, is-siġra li tgħallaq.”           


Mikiel ħares lejn Silvano b’wiċċ sorpriż, iżda ma qal xejn. It-tifel stenna lir-raġel ikompli, imma meta ma qal xejn iżjed, Mikiel staqsieh għaliex isejħulha ‘s-siġra li tgħallaq’.      
“Is-siġra tinsab fit-tarf l-aktar mudlam tal-foresta. Jgħidu li jekk tagħmel dak li s-siġra tistaqsik, is-siġra taqtgħalek xewqtek. Jekk ma tħallasx lis-siġra, is-siġra tiftaħ idejha, iddawwarhom ma’ qgħaddek, u tgħannqek sakemm ma tkun ħadt l-aħħar nifs. Mijiet marru għand is-siġra b’xewqathom, xejn ma waslu lura. Ħadd qatt ma rnexxielu jagħti s-siġra dak li tkun talbithom. Ġisimhom għereq taħt l-għeruq tas-siġra iżda ruħhom baqa’ fl-atmosfera ta’ madwar is-siġra.”

Meta Silvano spiċċa jitkellem, għaddhiet regħda minn fuq Mikiel. Wara xi mistoqsijiet oħra, Mikiel iddeċieda li jmur sas-siġra u jgħidilha x’għandu bżonn. Silvano qal lit-tifel biex joqgħod attent, u qabel ma telaq qallu, “Mik, ir-riżq.” Mikiel irringrazzjah u beda l-vjaġġ tiegħu lejn is-siġra. Wara jum sħiħ jimxi, wasal fit-tarf tal-foresta. Ħares ftit madwaru u mill-ewwel induna liema kienet is-siġra li tgħannaq. Kienet tiddi lewn id-deheb u tarmi riħa ta’ mewt. Mikiel mexa lejn is-siġra u niżżel rasu b’rispett. Ġo qalbu, Mikiel qal, nixtieq li ommi tfieq mill-marda tad-dierfa. X’għandi nagħmel biex twettaqli xewqti?

F’daqqa waħda, il-foresta sparixxiet, u Mikiel sab ruħu quddiem is-siġra fuq art ramlija u sema safrani. Mikiel sema leħen jirbombja. Is-siġra kienet qed twieġbu.
“Mikiel Żejon Pallado,” għajjat il-leħen, “Jiena nagħtik dak li tixtieq, jekk inti tagħmilli favur. Mur lura lejn darek u agħti ħwejġek kollha lill-Fqajrin tal-Berka. Imbagħad, mur fil-ġnien tar-re u sib lil oħti. Aqta’ waħda mill-frott tagħha u ġibha lura hawn. Meta tlesti, inqwiegħdek li ommok terġa’ għal li kienet. Issa mur. M’għandekx żmien x’titlef.”

Mikiel għamel dak li staqsietu s-siġra, u wara jumejn, sab ruħu moħbi fil-ġnien tar-re. Mikiel stenna lir-re jitlaq jiekol ma’ familtu, imbagħad beda jdur fil-ġnien biex isib is-siġra. Fortunatament, malajr għarafha. Bħas-siġra fil-foresta, din kienet tiddi bħad-deheb. Xuxitha kien aħdar mimli tikek blu – il-frotta. Mikiel għolla jdejh biex jaqta’ frotta u jeħodha lura fil-foresta. F’daqqa waħda, sema kelb jinbaħ. Il-kelb tar-re kien xamm lil Mikiel u ried jattakkah. Mikiel ġera kemm felaħ biex jaħrab mill-kelb.

Fl-aħħar, b’id miksura u għaksa milwija, Mikiel kien żgiċċa mill-kelb. Hu kompla l-vjaġġ lejn is-siġra li tagħnnaq. Hu u miexi, Mikiel beda jisma ilħna rqaq ipespsu. Ma kellux idea minn fejn bdew jiġu, u għall-ewwel ma kienx jimpurtah daqshekk. L-ilħna kienu tant ċkejknin li kulma seta’ jisma ħoss irqiq. Madanakollu, aktar ma għadda ħin, aktar bdew isiru ċari. Mikiel issa beda jisma’ l-ilħna jgħidu, “Kulha. Kulha. Jekk tiekol din il-frotta, issir sinjur. Ommok tfieq u ma terġax tbati. Int issir ir-re u s-siġra ma tkunx tista’ toqtlok.”

L-ilħna  strambi bdew jiżirgħu f’Mikiel xewqa ġdida. Mikiel kellu jiġġieled miegħu nnifsu biex ma jduqx il-frotta. Ir-riħa kienet wisq qawwija u ħelwa, u għal naqra ma gidimiex. Taqgħax għat-tentazjzoni, qal lilu nnifsu. Wara vjaġġ twil u tedjanti, Mikiel wasal lura ħdejn is-siġra li tgħannaq.   
“Għamilt dak li staqsejtni,” qal. Għal mument, kien hemm skiet perfett. F’daqqa waħda, is-siġra għannqet lit-tifel. Mikiel kien ċert li se jmut, imma ħaj baqa’.      

“Mur id-dar.”


Mikiel obda lis-siġra u mar id-dar. Ommu kienet fieqet. Jiem wara, Mikiel staqsa lil Silvano għaliex is-siġra ma qatlitux.         

 
“Irġiel oħra kielu l-frotta.” Silvano tbissem lil Mikiel, u waqt li għemiżlu, it-tifel rah jiddi lewn id-deheb.

  • Instagram
  • Black Facebook Icon