Name: Daniel Attard
Age:   17
Title:  Il-Ħolma Sagra

Leħħa ta’ berqa għamietu għal ftit. Is-sħab iswed kien ilu jiġma minn filgħodu kmieni. Baqa’ miexi b’pass mgħaġġel, iserrep minn mogħdija għall-oħra. Ftit ieħor u jasal. Ftit ieħor u jsib dak li kien ilu għoxrin sena mxennaq għalih. Għoxrin sena sħaħ, jistenna u jtertaq qalbu, imbiegħed mill-pajjiż li tant kien iħobb. Imbiegħed mill-ġawhra li ħallielu nannuh.

            Il-wied kien kiesaħ u umdu, imma xejn ma qata’ qalbu. Kompla għaddej minn qalb is-siġar xjuħ tal-ħarrub. Kif ħareġ minnhom sab quddiemu telgħa. Kien ilu jimxi qatigħ, u beda jegħja. Le, la wasalt s’hawn inkompli, ’qas jekk naf x’naf. Heżżeż snienu, għolla l-qalziet u beda tiela’ mal-għolja. Telagħha bi qtigħ il-qalb. Mhux darba jew tnejn waqa’ għal wiċċu mal-art. Sa fl-aħħar! Wasalt fil-quċċata tal-għolja. Poġġa bilqiegħda u ħares ’l isfel. Kien enormi dak il-wied, mimli siġar u fjuri u għadajjar. Lejn ix-xellug tiegħu lemaħ il-kappella tal-Erwieħ. Moħħu mar lura għoxrin sena, meta kien għadu sabi ta’ tlettax. Ftakar fih innifsu u f’ħutu; f’kemm-il logħba kienu lagħbu maġenb dik il-kappella.

            Taqtira ċkejkna tajritlu ħsibijietu f’ħakka t’għajn. Seħet ix-xita għax ma kinetx se tgħinu jkompli jfittex. Qam bilwieqfa u beda riesaq lejha. F’moħħu ħadu sura l-kliem ta’ nannuh. “Fittex fuq in-naħa tal-lemin tal-kappella. Għoxrin pass mill-ewwel kantun, u ssibha.” Il-kappella ma kinetx daqshekk ’il bogħod. Iżjed ma qorob lejha, aktar beda jimtela bid-dubji, tant li ma setax jikkonċentra.  Issa jekk m’hemm xejn? Imma mhux se jigdeb in-nannu, nemmen fih. Sakemm ma serquhiex dawk l-għefiered.

            Wasal eżatt quddiem il-kappella. Kienet għadha kif kien jafha snin ilu: wiesgħa, b’kampnar żgħir fuq ġenb minnhom; miżbugħ abjad. Irħielha lejn il-lemin. It-tliet siġar taż-żebbuġ kienu hemm bħal dejjem, donnhom suldati jħarsu ’l kappella. Beda jikkonfondi kif se jgħaddi minn bejniethom. Ħares lejn is-sema u rah qed jibnazza. Ix-xemx feġġet qalb is-sħab iswed, mimlija saħħa u qawwa. Ix-xita waqfet f’daqqa.

            Bid-dawl tax-xemx lemaħ toqba qalb is-siġar, kbira mhux ħażin. Daħal minnha bil-mod il-mod, u sab ruħu f’wesgħa mimlija buqari u lellux. Il-blanzuni bojod tal-buqari kienu qed jiftħu ftit ftit. Kien żmienhom. Għadd għoxrin pass mill-ewwel kantun u sab ġebla tonda mpoġġija maġenb il-ħajt. Ħareġ fies minn basket taċ-ċarruta u beda jgħawwar taħtha. Dam għaddej xi kwarta, u xħin deherlu li kien lest, qabad il-ġebla b’idejh u għolliha f’daqqa.

            Il-ġebla kien fiha daqs żewġt iknaten, imma bil-ħeġġa li kellu refagħha qisha kienet tar-rix. Warrabha fil-ġenb u niżel kokka ħdejn il-ħofra li ħalliet warajha. Kien hemm għatu tal-injam, mherri għalkollox. Qalgħu bil-mod, u taħtu tfaċċat borża tal-ħarir, ta’ lewn safrani. Ħariġha b’għożża kbira u fetaħha b’delikatezza. U hemm kienet. Ix-xewqa tiegħu. Il-ħolma sagra ta’ nannuh. Ir-rigal tal-antenati. L-istatwa tat-tafal mirakoluża.

            Ħares lejn is-sema u qal requiem aeternam f’ġieħ nannuh. Kien sabha. Proprju hu. Kienet tabilħaqq ġawhra mill-isbaħ. Reġa’ ftakar f’nannuh. “Ġorġ, tinsiex x’għedtlek. Dik mirakoluża. Sibha u għożża daqs l-aqwa teżor.” Poġġiha bil-mod fil-borża tagħha u ħareġ lejn il-beraħ. Lejn il-ħelsien.

  • Instagram
  • Black Facebook Icon