Name: Roberta Piscopo
Age:   32
Title:  Grata Tal-Pandemija

Grata ta’ dil-pandemija li lili sakkritni d-dar;

dil-pandemija mbierka li tant tawha mill-agħar.

Dil-pandemija għalija offriet kalma u serħan.

Dil-pandemija għalija fissret il-fejqan.

 

Fejqan mill-ħajja mgħaġġla li kienet għoddha qerditni;

mir-rutina bla nifs li tista’ tgħid filġitni.

 

Fejqan mill-kilba għall-flus li ġġib magħha egoiżmu

u minflok lejn l-inqas ixxurtjati mlietni b’altruiżmu.

 

Altruiżmu lejn dawk li tilfu xogħolhom, mingħajr għaxja ta’ lejl.

Għallmitni naqsam ġidi mingħajr ma nżomm kejl.

 

Fejqitni mill-bruda fil-ħajja spiritwali

u mal-ħallieq għenitni nibni rabta speċjali.

 

Fejqitni min-nervi li jġib miegħu l-istress.

Għallmitni li l-mistrieħ aqwa minn kull suċċess.

Fejqitni mill-indifferenza lejn dawk l-iktar għeżież

u minflok għenitni nifhem li għandi nħobbhom bla qies.

Fejqitni mill-ilsien niggieżi li kien jaħtaf lil kulħadd

għax frott l-impenji żejda ma kien baqagħli ħin għal ħadd.

 

Għalhekk lejn dil-pandemija jiena grata bla ma rrid;

għax dil-pandemija għalija fissret twelid mill-ġdid.

  • Instagram
  • Black Facebook Icon