Name: Julia Stivala
Age:   15
Title:  Gidba

“Le, ċerta mija fil-mija li m’hawn ħadd”, għajjatt b’qalbi tħabbat sitta sitta. Nemmen li ma kellix għażla oħra dak il-ħin, u għalhekk kelli nigdeb. Il-ġenituri tiegħi dejjem għallmuni biex ngħid il-verità, u għaldaqstant ma kontx familjari mal-gideb. Kelli ngħid li kollox kien postu, iżda ntbaħt li l-ġirien kienu jafu ċertu dettall, għax kienu huma li ċemplu lill-pulizija. F’dak il-mument ma ħsibt fuq xejn ħlief fuq it-tektik tal- bomba mwaħħla ma’ dahri, u mal-buttuna f’id il-ħalliel, u rrealizzajt li kieku kelli ngħid kelma żejda, ħajti kienet tintemm.

Kont għadni kemm irritornajt lura d-dar mill-Ġappun. Hekk kif dawwart iċ- ċavetta u mbottajt il-bieb, ilmaħt figura. Teptipt għajnejja tliet darbiet, għax ma emmintx dak li kont qed nara. Raġel twil u mibni deher mistoħbi wara l-purtieri tas-salott. Qalbi waqfet. Ridt nistaħba, jew noħroġ fit-triq ngħajjat għall-għajnuna, iżda l-kurżità għelbitni, u ma flaħtx ma nittawwalx wara l-purtieri bojod karti. B’idejja jtertru bil-biża’ kbir li ħakimni, ressaqt il-purtieri u ħadt il-qatgħa ta’ ħajti. Is-skiet assolut ta’ ġod-dar malajr sparixxa bit-twerżiqa qawwija tiegħi. Laqgħuni żewġ pistoli ppuntati
lejja, waħda f’kull id.


Għalkemm il-maskra li l-ħalliel kien liebes għattietlu wiċċu, stajt nara l-għajnejn ħodor u x-xofftejn kulur il-peprin. Ipprovajt nagħraf il-fattizzi kollha li stajt, biex inkun nista’ nirrapportah lill-pulizija, kif pjanajt li nagħmel, iżda s-sitwazzjoni ħadet xejra oħra immedjatament. Kellimni minn taħt l-ilsien b’ton kalm, iżda għajnejh kixfu li kien qiegħed jaħbi r-rabja tiegħu minni. Ordnali biex dak kollu li kien ser jagħmel kellu jibqa’ mistur bejnietna, u ħadd aktar ma kellu jsir jaf dwar is-serqa li huwa kien qiegħed jagħmel. Fis-saħna tal-mument aċċettajt, mingħajr ma ħsibt fil-konsegwenzi. "Ħadd mhu se jkun jaf”, stqarrejtlu, b’idejja t-tnejn ’il fuq, u saqajja msammrin mal-art. Kont lesta nżomm kelmti, iżda fl-istess sekonda preċiża, smajna s-sireni, li damdmu t-tnabar ta’ widnejna.


Dort biex nittawwal u rajt lill-ġirien tiegħi barra minn darhom, f’nofs ta’ triq, u flimkien ippuntaw lejn il-bieb ta’ dari. F’daqqa waħda ħassejt pakkett ifaqqa’ u jeħel ma’ dahri. Ħarist lura, b’għajnejn imbikkmin u l-ħalliel xejjirli l-buttuna li żamm f’idu l-leminija. Mingħajr ebda kliem, fhimt eżattament x’ried ifisser. Kelma żejda, u fjamma nar kienet issawwarni. Ma ridtx li lsieni jkun il-kawża ta’ mewti.


B’rogħda kbira, iżda b’leħen affermattiv għidt lill-pulizija, li kienu daħlu ġewwa dari, “Le, ċerta mija fil-mija li m’hawn ħadd”, u f’radda ta’ salib, il-pulizija sparixxew minn ħdejja. Dakinhar, tlift bosta affarijiet materjali ta’ valur għoli, iżda tassew grata li l-ogħla valur ma tliftux – ħajti.

  • Instagram
  • Black Facebook Icon