Name: Claire Casha
Age:   15
Title:  Ġol-Għar

Jien u nħares lejn ix-xemx tielgħa fuq ix-xefaq minn fuq is-swar tal-Imdina, ma stajtx nieqaf niftakar fl-avventura ta’ barra minn hawn li kellna l-lejl ta’ qabel. Lanqas fl-akbar ħolm tiegħi ma ħsibt li ser inqum daqshekk ’il bogħod mid-dar bl-ebda xewqa li mmur lura.

Ftehimt li niltaqa’ ma’ sħabi Mark u Marija t-tewmin ħdejn il-Knisja tal-Isperanza tard billejl. Ir-rotta konna nafuha sew, għaliex kemm-il darba għaddejnieha fid-dawl tax-xemx. Dak il-lejl kellna seba’ mitt sena biex inżuru l-moħba tagħna taħt ħarruba, bl-għan li nerġgħu lura d-dar qabel ma titla’ x-xemx. Kien hemm skiet jinqata’ b’sikkina. Bdejna mexjin fil-wied u aktar ma kien qed jgħaddi ħin, l-art saret iktar ġeblija u l-eku tal-vuċijiet jirbombjaw sar iktar prominenti. Ħarist ’il fuq u ma rajt l-ebda sinjal ta’ stilel jew qamar, u s-siġar donnhom għebu.

Kienet ir-riħa taqsam ta’ umdità li niżżlitli msarni f’saqajja; irrealizzajt li dak il-ħin kollu konna mexjin ġo għar. Minnufih intbaħt li Mark u Marija kienu ntebħu b’dan mill-ħarsa bajda karti fuq wiċċhom illuminat mir-raġġ tat-torċ. Ma stajniex induru lura għaliex konna dħalna wisq fil-fond tal-għar, u għalhekk iddeċidejna li nibqgħu mexjin. Wara ħin twil il-passaġġ beda jidjieq u stajna nħossu ċ-ċarċir kiesaħ silġ tal-ilma ċar daqs il-kristall. Meta s-saqaf kien tbaxxa ħafna, Mark għamlilna sinjal biex ninżlu għarkopptejna u komplejna l-vjaġġ twil u tqil nitkaxkru bħal serbut nemel wara xulxin.

Mark waqaf ħesrem. Kien sab xaqq fil-ħajt fejn l-għar donnu kien jerġa’ jinfetaħ. Qomna bilwieqfa wara xulxin u malajr intbaħna li l-ġebel fuq in-naħa l-oħra tax-xaqq kien ġebla tal-franka. Għaddieli ħsieb li konna qegħdin taħt xi kantina ta’ dar antika, iżda dan malajr għeb minn moħħi. Faċċata tagħna kien hemm sellum twil tal-metall kollu sadid, u l-art dehret li xi darba żmien ilu kien jinġabar l-ilma fuqha. B’ħarsa siekta qbilna li nitilgħuh, u jien tlajt l-ewwel b’qalbi tħabbat sitta sitta.

 

F’daqqa waħda ħbatt rasi ma’ dak li stħajjilt li kien saqaf. Jien u nogħrok il-gundalla fuq moħħi ntbaħt li s-saqaf kien xi forma ta’ għatu li kien infetaħ kemm kemm bl-iskoss li tajtu. Imbottajt ’il fuq b’id waħda u għajnejja għamew malli ħassu d-dawl tax-xemx wara lejl sħiħ fid-dalma tal-għar. Għorokt għajnejja sew u lmaħt is-sinjal tat-triq fid-dawl bati, u ma stajtx nemmen lil għajnejja. Il-kliem Misraħ Mesquita, L-Imdina, ħarsu lura lejja, u għidt għall-erwieħ malli ndunajt li kont qiegħda ġol-bir f’nofs il-pjazza battala.

  • Instagram
  • Black Facebook Icon